4 minute read

 EDITORJAL BIL-MALTI

Editorjal

Wieħed normalment jassoċja is‑“sagas” ma’ xogħlijiet innovativi u sbieħ ta’ proporzjonijiet epiċi. “Beowulf” kif ukoll “The Lord of the Rings” jiġu f’ moħħna. Huma kisbiet letterarji li għaxxqu ġenerazzjonijiet bil‑kapaċità li jdaħħlu lill‑qarrej f’ augmented reality ta’ stejjer erojki u atti altruisti.

Is‑saga ta’ “Cristiano Ronaldo” titniżżel fl‑istorja bħala eċċezzjoni għal dan li semmejna hawn fuq. Hija saga għal “raġunijiet ħżiena”. Dehret li mhi ħa tispiċċa qatt, b’ pawża rari ta’ dħul minn fuq il‑bank tas‑sostituti, f’ battalja ta’ attrizjoni mal‑maniġer tiegħu u apparentement imwarrab minn sħabu plejers kif ukoll mis‑sapporters, l‑istorja ta’ Ronaldo kienet destinata li tkun imtawwla b’ mod eżawrenti li kienet ċertament tkompli tifred lis‑sapporters u tkun ta’ tfixkil għall‑maniġer.

Sa ċertu punt, nirringrazzjaw ‘l Alla li għaddiet. Finalment nistaw niffukaw fuq il‑futbol u ‘l bogħod minn dil‑kwistjoni barra l‑grawnd li tappnet l‑ewwel ftit xhur tat‑tmun ta’ Erik Ten Hag fil‑klabb. L‑intervista kontroversjali ma’ Piers Morgan kienet bla dubju orkestrata biex sa fl‑aħħar Cristiano Ronaldo u Manchester United imorru fi triqat differenti. Bla mistħija kienet disinjata li toħroġ meta Ronaldo mhux biss ikun ‘il bogħod mill‑klabb iżda ukoll barra mir‑Renju Unit – li tassigura li l‑ebda skrutinju tal‑medja ma jaqa’ fuqu jew fuq familtu.

Minkejja l‑kliem kollu li ntuża biex jattratta lin‑nies qabel toħroġ l‑intervista, xejn ma rajna li kien barra l‑ordinarju jew ta’ sorpriża. Li Ronaldo sofra traġedja familjari kienet diġà fid‑dominju pubbliku. Li kellu xi jgħid mal‑maniġer kienet ovvja, anke għal dawk li ma jżommux mal‑United. Li l‑Glazers ma jimpurtahomx mill‑klabb ilha evidenti għal kulħadd mill‑2005. Kif joqgħod it‑trab, l‑intervista tkun esposta għal dak li hi: manifestazzjoni ta’ persuna ego‑ċentrika, tadura lilha nfisha u tiftakar fi żmien passat meta setgħet tiġri bejn tliet jew erba’ difensuri b’ faċilità liema bħalha.

Sfortunatament mhux kulħadd lest li jaċċetta li żmienu fil‑quċċata għadda u mar. Lanqas realizzazzjoni li l‑kontribut tiegħu m’ għadux dak li kien 10‑20 sena ilu. Fejn professjonisti oħra jitilqu mix‑xena bi grazzja, jidher li Cristiano ried jitlaq skont it‑termini tiegħu u kif dehrlu hu. Għallinqas, kreditu għalih li rnexxielu.

Minkejja l‑paniġierku t’ hawn fuq, wieħed ma jridx jinsa l‑fatt li minkejja t‑taqlib fl‑aħħar xhur, Erik Ten Hag irnexxielu jidderieġi l‑vapur b’ ekwanimità u professjonaliżmu liema bħalhom. Ir‑riżultati ma kienux dejjem ħenjin miegħu. It‑tkissir li ġarrabna fit‑telfa kontra Manchester City u l‑prestazzjoni ħażina ferm kontra Aston Villa f’ Villa Park ċertament raw lill‑gazzetti Ingliżi jsinnu s‑skieken u jistaqsu jekk Ten Hag kienx l‑aħjar persuna li tkun fit‑tmexxija tal‑klabb. Minkejja dan, l‑aħħar għaxar snin urewna ħaġa – li kull min jingħata t‑tmun, għandu jkollu l‑ħin biex jorganizza l‑istruttura kif irid hu, jiggalvanizza l‑iskwadra u jerbaħ lis‑sapporters.

Hemm mument fl‑ewwel parti tal‑istaġun fejn it‑tim kien verament impressjonanti. United mingħajr Ronaldo rebħu kontra Liverpool f’ Old Trafford u rebħu l‑konfront mentali u fiżiku kontra it‑Tottenham ta’ Antonio Conte fit‑Teatru tal‑Ħolm. Iż‑żewġ logħbiet urew għarfien tattika u maniġġjar tal‑logħba li konna ilna ma naraw żmien! Li Erik Ten Hag għandu bżonn l‑appoġġ tal‑klabb huwa imperattiv. Li l‑Olandiz merkurjali li jitkellem ferm tajjeb għandu bżonn biżżejjed żmien ma tistax tiċħdu. Għandi fidi totali li jirrimedja l‑problemi maġġuri (u difetti) li hemm fl‑organizzazzjoni kollha fi ftit staġuni.

Ir‑rebħa kontra Fulham ġabet memorji ta’ żmien passat – fejn United ġenwinament ħallew għal tard fil‑logħba sabiex jiksbu tliet punti kruċjali (u elużivi). Li tara l‑plejers kollettivament jitbewwsu, jingħannqu u jiċċelebraw bħala tim wieħed paxxew lil kull min kien qed jara. Dik li għamlitha partikularment speċjali kienet il‑manjiera li biha ġie skurjat il‑gowl. Il‑logħba kella “pareġġ” miktuba fuqha. Imma f’ Alejandro Garnacho, jidher li l‑klabb sab djamant ieħor simili għall‑forma ta’ George Best u Cristiano Ronaldo. Il‑gowl rebbieħ tiegħu epitomizza il‑klassi u kwalità li wieħed normalment jassoċja ma’ stilla futura.

Garnacho għandu d‑dinja f’ saqajh. Il‑kapaċità bis‑saqajn u dribbling ċertament tawna x’ nifhmu li jista’ jkun l‑istilla tal‑United li jmiss. L‑attenzjoni u skrutinju tal‑medja Ingliża jaf ikun bla waqfien. Madankollu il‑klabb għandu dak kollu meħtieġ sabiex jipproteġi u jimmaniġġja lil dan iż‑żagħżugħ b’ talent fenominali kif għamlu fil‑passat bi plejers bħal Best, Beckham, Giggs u Rooney. Is‑sapporters ta’ United jittamaw li l‑Arġentin talismaniku jġorr lill‑klabb għall‑glorja fil‑futur u għal aktar unuri.

Fuq nota finali, id‑dibattitu dwar it‑tmexxija tal‑klabb ħa dimensjoni oħra meta kien imħabbar li l‑Glazers (finalment) kienu qed jikkunsidra li jbiegħu lill‑klabb. Minkejja li m’ hemmx garanzija li xerrej potenzjali hu lest li jilħaq id‑domanda artronomika ta’ prezz ta’ xi GBP 8 biljun li qed jitolbu l‑Glazers – il‑fatt li l‑Glazers qed jesploraw toroq biex ineħħu lil Manchester United mill‑portafoll tagħhom huwa ta’ komfort għal ħafna sapporters li xebgħu b’ sidien li qatt ma daħħlu idejhom fil‑but biex jinvestu fil‑klabb lanqas jitwemmen li l‑infrastruttura tiegħu qed titħalla taqa’ biċċiet.

Ix‑xiri tal‑klabb fl‑2005 (dak li jissejjaħ leveraged buyout fejn il‑familja bażikament issellfet il‑flus sabiex xtrat il‑klabb u tefgħet dan id‑dejn fuq il‑klabb) kien kontroversjali mill‑mument li l‑ftehim kien approvat snin ilu. Il‑fans ta’ United ma kellhomx xi forma ta’ għeluq tal‑kwistjoni u l‑protesti riċenti u dimostrazzjonijiet kienu eku tar‑“Rivoluzzjonijiet tal‑1848”, hekk kif is‑sapporters ħarġu fit‑toroq u sfurzaw id‑dħul f’ Old Trafford bil‑massa. Il‑protesti ma kienux inosservati mill‑Glazers, u b’ dan fl‑isfond qed jiġi diskuss il‑bejgħ potenzjali tal‑klabb lil terzi u stakeholders maġġuri oħra.

F’ kull eventwalità, il‑fans ċertament jisperaw (u jitolbu) li dawn il‑viċissitudini (li għadda minnhom il‑klabb għal tul ta’ żmien) dalwaqt ikunu mitfugħa fl‑annali tal‑istorja. Ħudu gost aqraw u gawdu l‑FIFA World Cup 2022.